Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs)

1 - X’INHI DIN IL-KAMPANJA ĠDIDA?

Din il-kampanja madwar l-Ewropa kollha tipprovdi pjattaforma għall-kaċċaturi u n-nassaba biex isejħu lill-istituzzjonijiet ewlenin ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE biex jaħdmu magħna għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali u l-futur tal-kaċċa u l-insib. Tinkludi petizzjoni b’9 punti li titlob bidla f’suġġetti ewlenin relatati mal-kaċċa, l-insib u l-konservazzjoni. Il-kampanja hija tweġiba għan-numru dejjem jikber ta’ problemi għall-kaċċaturi u n-nassaba tal-Ewropa li “jiġu minn Brussell”. Din il-kampanja għandha l-għan li tenfasizza u ssolvi dawn il-problemi, biex titbiegħed minn xejra li ssib ħtija fil-kaċċa u l-insib, għal waħda li tagħraf il-valur tagħna għall-bijodiversità u tgħaqqad il-kulturi madwar l-Ewropa.

2 - X'INHI L-FACE?

FACE hija l-vuċi tas-7,000,000 kaċċatur tal-Ewropa fi Brussell. Il-Membri tal-FACE huma l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-kaċċa u l-insib tal-Ewropa f’37 pajjiż inkluż l-UE-27. Bħala NGO internazzjonali, FACE tippromwovi l-kaċċa u l-konservazzjoni billi tidħol fit-tfassil tal-politika, tappoġġja li t-teħid tad-deċiżjonijiet huwa bbażat fuq l-evidenza u li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma rispettati sabiex il-leġiżlazzjoni tkun adattata għall-iskop. Flimkien mal-imsieħba tagħha, FACE taħdem fuq firxa ta’ suġġetti bil-għan li ssostni l-kaċċa u l-konservazzjoni madwar l-Ewropa. FACE ila membru tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) u taġixxi bħala ko-segretarjat għal intergrupp kbir fil-Parlament Ewropew “Bijodiversità, Kaċċa, Kampanja”. Il-kwartieri ġenerali tagħha huma fi Brussell b’14-il impjegat.

3 - GĦALIEX QEGĦDA SSEJĦ DIN IL-KAMPANJA ISSA?

L-Ewropa qegħda tonqos milli tirrestawra l-ambjent naturali b’suċċess u filwaqt li minn Brussell ġejjin ħafna soluzzjonijiet tajbin, sfortunatament xi deċiżjonijiet qegħdin joħolqu problemi bla bżonn għall-kaċċaturi u n-nassaba tal-Ewropa. Aktar importanti, l-Membri tal-FACE jipperċepixxu li kien hemm tendenza li qegħda tiżdied biex jaraw il-kaċċa u l-insib u l-kaċċaturi u n-nassaba bħala parti mill-problema, aktar milli bħala s-soluzzjoni għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali. Xi eżempji jinkludu:

  • Fil-livell Ewropew, il-kaċċa u l-insib ġew deskritti b’mod żbaljat bħala l-akbar pressjonijiet fuq l-ambjent naturali minkejja evidenza kuntrarja.
  • Tentattivi kontinwi biex jiġu ristretti l-kaċċa u l-insib għall-għasafar abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u ksur legali.
  • Hemm restrizzjonijiet dejjem akbar fuq il-ġestjoni sostenibbli ta’ karnivori kbar mill-kaċċaturi.

Għan ewlieni tal-UE huwa li tagħmel il-liġijiet aħjar u aktar sempliċi. Għandhom ikunu bbażati fuq evidenza u jinvolvu liċ-ċittadini u lill-partijiet interessati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Żewġ eżempji reċenti ta’ meta l-UE ma rrispettatx dawn il-prinċipji:

  • Ir-Regolament tal-Kummissjoni taħt REACH dwar il-projbizzjoni ta’ tir taċ-ċomb fi jew madwar artijiet mistagħdra seta’ kiseb appoġġ wiesa’, iżda sfortunatament ġie adottat biss minn maġġoranza żgħira. Mhux minħabba l-prinċipju tat-tneħħija gradwali tat-tir taċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra, li kien appoġġjat minn FACE, iżda minħabba li kienet proposta leġiżlattiva fqira b’differenza għal kwalunkwe oħra taħt ir-Regolament REACH. Ħoloq polarizzazzjoni u inċertezza wiesgħa minħabba l-ambitu u d-definizzjonijiet tagħha, li kollha setgħu ġew evitati.
  • L-abbozzi inizjali tal-gwida tal-Kummissjoni dwar iż-żoni protetti pproponew b’mod mhux raġonevoli li tiġi pprojbita l-kaċċa f’kategorija ġdida ta’ żoni protetti fl-Ewropa li tkopri 10 % tal-art tal-UE (link) mingħajr evidenza li hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità. B’xorti tajba, f’dan il-każ, il-konsultazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u l-partijiet interessati rriżultat f’test aħjar.
4 - X'INHUMA L-MIRI TAL-KAMPANJA?

Il-politiki Ewropej dwar il-bijodiversità għandhom iwasslu għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol pożittiv soċjoekonomiku u ta’ konservazzjoni tal-komunità tal-kaċċa.

B’mod aktar speċifiku, l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea għandhom:

  • Ikollhom ħarsa aktar oġġettiva tal-kaċċa, l-insib u l-konservazzjoni u jirrispettaw is-sussidjarjetà fid-dawl tad-diversità tat-tradizzjonijiet tal-kaċċa u l-insib fl-Ewropa.
  • Jifhmu bis-sħiħ li l-kaċċa u l-insib huma parti integrali mid-diversità kulturali Ewropea u għodda vitali għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali u l-ġestjoni tal-ħajja selvaġġa.
5 - KIF SE JINKISEB DAN BIL-KAMPANJA?

Brussell hija interessata li tisma’ lis-soċjetà ċivili, u din il-kampanja tagħmel eżattament dan permezz ta’:

  • Il-ġbir tal-firem biex jappoġġjaw it-talbiet tal-kampanja;
  • “Advocacy” fil-politika relatata fi Brussell.
6 - GĦALIEX KAMPANJA LI TĦARES IL-QUDDIEM?

Kampanja li tħares il-quddiem tippermetti lill-kaċċaturi u lin-nassaba, li huma affettwati direttament mit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi Brussell, jesprimu lilhom infushom billi jiffirmaw petizzjoni. Bosta NGOs internazzjonali jikkampanjaw fil-livell tal-bażi, iżda din hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha għall-kaċċaturi u n-nassaba tal-Ewropa. Din il-kampanja se tappoġġja wkoll il-ħidma tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-kaċċa u l-insib tal-Ewropa lejn futur aktar b’saħħtu għall-kaċċa, l-insib u l-konservazzjoni.

7 - X'INHI IS-SEJĦA GĦALL-AZZJONI?

Il-petizzjoni għandha disa’ talbiet, li kollha huma importanti għall-kaċċa, l-insib, l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-annimali selvaġġi fl-Ewropa. Xi talbiet jistgħu jkunu inqas ovvji, iżda meta l-attivitajiet tal-kaċċaturi u n-nassaba jitwaqqfu, ir-riżultat ħafna drabi jkun negattiv għall-konservazzjoni.

8 - GĦALIEX IL-KONSERVAZZJONI TAL-AMBJENT NATURALI HUWA PARTI DAQSTANT B’SAĦĦTU MILL-KAMPANJA?

Qatt m’għandna ninsew li l-kaċċaturi u n-nassaba jpoġġu lura fl-ambjent naturali aktar milli jieħdu. Il-kaċċaturi u n-nassaba jafu mill-ewwel kemm hi importanti l-bijodiversità u kemm intilfet f’dawn l-aħħar deċennji. Is-sejħa qawwija għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali hija ċentrali għall-politika ta’ FACE biex tipprevjeni konsegwenzi kbar għall-annimali selvaġġi, s-soċjetà u l-klima. Il-konsegwenzi diretti tat-telf tal-bijodiversità għall-kaċċaturi u n-nassaba jinkludu l-kollass tal-popolazzjonijiet tal-kaċċa selvaġġa u ż-żieda fil-problemi tas-saħħa tal-annimali. L-UE għandha leġiżlazzjoni importanti għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali fis-seħħ, iżda hija meħtieġa implimentazzjoni aħjar li tinċentiva l-komunitajiet lokali.

9 - XI TFISSER APPROĊĊ AKTAR OBJETTIV GĦALL-KAĊĊA U L-INSIB?

Il-kaċċaturi u n-nassaba qegħdin imexxu l-isforzi biex jerġgħu jġibu lura speċi sedentarji kif ukoll għasafar tal-ilma li jpassu u għasafar tal-art bħall-gamiema. Bosta eżempji ta’ sforzi bħal dawn huma dokumentati fuq www.biodiversitymanifesto.com Il-Gamiema, l-kaċċa ewlenija ta’ Malta jistħoqqilha aċċenn speċjali peress li tifforma parti ewlenija mid-domanda ta’ FACE fil-punt 4 (link).

Il-Kummissjoni Ewropea qegħda tipprova twaqqaf kull kaċċa għall-Gamiem fl-Ewropa. B’kuntrast ma’ pajjiżi Ewropej oħra fejn l-ispeċi kważi għebet (il-Ġermanja tilfet 89% tal-popolazzjoni tat-tnissil tagħha; il-Belġju 90%; l-Olanda 93% u r-Renju Unit 97%) u fejn l-ispeċi mhix kkaċċjata u fejn kien hemm ftit, jekk kien hemm, sforzi ta’ konservazzjoni għall-Gamiem li twettqu matul l-aħħar deċennji, pajjiżi fejn il-Gamiema hija tradizzjonalment kkaċċjata, bħal Franza u Spanja għad għandhom għadd tajjeb ta’ l-ispeċi u jimpenjaw ruħhom fil-konservazzjoni tagħha. Barra minn hekk, f’dawn il-pajjiżi, hemm sforzi ta’ konservazzjoni li ilhom isiru mill-komunità tal-kaċċa biex timmaniġġja u tissalvagwardja ħabitats adattati għall-ispeċi, li jġibu bosta benefiċċji. Kemm jekk ikun l-għadd impressjonanti ta’ sisien tal-ħaxix imħawla fi Franza; jew iż-żrigħ ta’ eluf ta’ ettari fis-sena b’diversi uċuħ tar-raba’ li jitħallew mhux maħsuda fil-Greċja; jew il-Proġett tat-Trobbija tal-Gamiem fil-magħluq għal Rilaxx fis-Selvaġġ, inkluż traċċar bil-GPS ta’ xi wħud mill-għasafar rilaxxati f’Malta, il-komunità tal-kaċċa ilha attivament timplimenta u tiffinanzja waħedha ħafna azzjonijiet oħra ta’ ġestjoni li jibbenefikaw lill-Gamiema.

Għalhekk, din il-mossa mill-Kummissjoni hija meqjusa bħala mhux ġustifikata mill-Membri tal-FACE. FACE jipperċepixxi li l-motivazzjoni għal dan il-ksur hija preġudikata lejn il-kaċċa aktar milli fuq ix-xejriet ta’ tnaqqis fil-popolazzjonijiet u l-isforzi ta’ konservazzjoni relatati

10 - MIN QIEGĦED JIFINANZJA DIN IL-KAMPANJA?

Din il-kampanja hija ffinanzjata prinċipalment mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Kaċċa ta’ FACE, li twaqqfet biex tibni futur b’saħħtu għall-kaċċa u l-konservazzjoni. Il-Membri tal-FACE, inkluż il-FKNK qegħdin jikkontribwixxu wkoll. Il-kaċċaturi u n-nassaba li jkomplu jħallsu l-miżata tas-sħubija tagħhom lill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-kaċċa u l-insib tagħhom (FKNK) ukoll se jappoġġjaw indirettament din il-kampanja.

11 - KIF NISTA NAPPOĠĠA L-KAMPANJA?
  • Iffirma l-petizzjoni, u tibgħat lill-familja u ħbieb tiegħek.
  • Agħti donazzjoni sabiex inkunu nistgħu nmexxu l-kampanja ‘l quddiem.
12 - KIF SE TIŻVILUPPA L-KAMPANJA?

Il-kampanja tnedied fis-27 ta’ Mejju u għandha ddum 12 xhur sas-06 – 06 – 2023. Il-kampanja se tiżviluppa permezz ta’ komunikazzjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.

DWAR IL-FACE

FACE hija l-Vuċi tal-Kaċċaturi Ewropej

Il-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni (FACE), li tirrappreżenta l-interessi tas-7,000,000 kaċċatur tal-Ewropa, qegħda tmexxi din il-kampanja.

FACE hija l-akbar korp demokratikament rappreżentattiv għall-kaċċaturi fid-dinja u waħda mill-akbar organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej.

FACE huwa magħmul mill-Membri tiegħu: Assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-kaċċaturi minn 37 pajjiż Ewropew inkluż l-UE-27. FACE għandu wkoll 7 Membri Assoċjati

FACE – Rue Belliard 205 – 1040, Bruxelles
info@face.eu – www.face.eu